gov.mt

PR261707

PR261707

14/10/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Il-Ministru Glenn Bedingfield jiltaqa’ mal-Ministru Libjan għall-Intern biex isaħħaħ il-koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi


Fl-ewwel ġurnata taż-żjara tiegħu fil-Libja, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield kellu laqgħa mal-Ministru Libjan għall-Intern, Emad Al-Trabelsi, li matulha ġew diskussi diversi temi ta' interess komuni, b'enfasi partikolari fuq l-immigrazzjoni irregolari u s-sigurtà.

 

Il-Ministru Bedingfield qal li l-Libja għandha rwol strateġiku importanti għal Malta u għall-Ewropa kollha, billi hija pajjiż ewlieni fir-rotta tal-immigrazzjoni irregolari fil-Mediterran. Għalhekk, il-koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi hija essenzjali biex jiġu indirizzati l-isfidi marbuta mal-immigrazzjoni irregolari u jissaħħu l-isforzi kontra n-networks tat-traffikar tal-bnedmin.

 

Il-Ministru Bedingfield irringrazzja lill-Ministru Al-Trabelsi għall-koperazzjoni li qed tingħata lil Malta, filwaqt li enfasizza l-importanza li din il-kollaborazzjoni tkompli tissaħħaħ permezz ta' djalogu kontinwu u ħidma konkreta bejn iż-żewġ pajjiżi.

 

F'dan il-kuntest, il-koperazzjoni bejn Malta u l-Libja tinkludi wkoll oqsma oħra ta' sigurtà u taħriġ. Iż-żewġ pajjiżi għandhom interess komuni li jsaħħu l-kapaċitajiet tal-awtoritajiet kompetenti, fosthom fil-qasam tal-infurzar tal-liġi, is-sorveljanza marittima u l-operazzjonijiet ta' salvataġġ fuq il-baħar.

 

Matul iż-żjara, il-Ministru Bedingfield se jkollu wkoll laqgħa mal-Prim Ministru Libjan, bil-għan li jkomplu jissaħħu r-relazzjonijiet bilaterali u l-koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi, b'mod partikolari fil-qasam tas-sigurtà u tal-immigrazzjoni irregolari.

 

Bħala parti mill-ħidma maħsuba biex tkompli tissaħħaħ din il-kollaborazzjoni, qed jiġu ppjanati korsijiet ta' taħriġ għall-awtoritajiet Libjani f'oqsma bħall-infurzar tal-liġi, l-immaniġġjar ta' dgħajjes żgħar, il-manutenzjoni tad-dgħajjes u tal-magni, l-operazzjonijiet marittimi u l-koordinazzjoni tas-salvataġġ fuq il-baħar. Il-programm propost għandu baġit indikattiv ta' €500,000.

 

Il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà se jkompli jaħdem biex isaħħaħ ir-relazzjonijiet ma' pajjiżi oħra u jippromwovi koperazzjoni li twassal għal riżultati konkreti fil-qasam tas-sigurtà u fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari.

​